Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ħabbret il-ftuħ tan-nominazzjonijiet għas-sitt edizzjoni tal-Animal Honours Awards, li se jsiru fit-2 ta’ Ottubru 2026.
Dawn il-premjijiet jagħtu rikonoxximent lill-persuni, lill-għaqdiet, lis-santwarji, lin-negozji u lill-annimali li, bl-impenn u bil-ħidma tagħhom, jagħmlu differenza pożittiva fil-qasam tal-ħarsien u l-benesseri tal-annimali.
L-Animal Honours Awards jiċċelebraw stejjer ta’ kuraġġ, lealtà u dedikazzjoni, kif ukoll atti straordinarji ta’ ġenerożità. Il-premjijiet jirrikonoxxu kemm lil dawk li jiddedikaw il-ħin u l-enerġija tagħhom biex itejbu l-ħajja tal-annimali, kif ukoll lill-annimali li, bil-kuraġġ, bil-lealtà jew bl-impatt tagħhom, ikunu ħallew impatt fuq il-ħajja ta’ individwi.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet, “Permezz tal-Animal Honours Awards irridu nirringrazzjaw, nagħtu aktar viżibbiltà lill-eżempji tajbin ta’ ħarsien xieraq tal-annimali li għandna madwarna u nispiraw aktar persuni biex jagħtu sehemhom.” Hija enfasizzat ukoll fuq l-importanza tan-nies fil-ħarsien tal-annimali u hawn semmiet lill-voluntiera li jagħtu sigħat minn ħinhom, il-persuni li jmexxu s-santwarji, il-familji li jagħżlu li jadottaw annimali u n-negozji li joħolqu ambjenti li jilqgħu l-annimali. “Il-ħarsien tal-annimali huwa responsabbiltà kollettiva, u kull min jagħżel li jagħmel differenza jkun qed jikkontribwixxi lejn il-ħarsien xieraq tal-annimali,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Id-Direttur tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali, Dennis Sciberras sostna kif “Dan l-avveniment, li ilu jittella’ għal dawn l-aħħar 6 snin, jagħti rikonoxximent lil ħafna nies li jiddedikaw siegħat twal ta’ ħin lejn l-annimali. Jagħti wkoll rikonoxximent lil negozji, annimali u santwarji tal-impenn tagħhom favur il-ħarsien tal-annimali. Inħeġġeġ lill-pubbliku sabiex iressaq in-nominazzjonijiet tiegħu.”
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Elliot Magro qal, “Dan huwa avveniment importanti ħafna fejn persuni li ġew nominati jiġu rikonoxxuti għall-ħidma u sagrifiċċji li jagħmlu għall-ġid tal-annimali matul is-sena. Hawn mijiet ta’ persuni li jiddedikaw ħajjithom għall-ġid tal-annimali u għalhekk huwa xieraq sabiex nirringrazzjaw uħud minnhom tal-isforzi tagħhom.”
Din is-sena, il-pubbliku jista’ jressaq nominazzjonijiet f’ħames kategoriji:
• People’s Choice Award for Contribution to the Animal Welfare Sector – jirrikonoxxi persuna, organizzazzjoni jew inizjattiva li tkun tat kontribut sinifikanti u pożittiv fis-settur tal-ħarsien tal-annimali.
• Sanctuary Excellence Award – jonora santwarju li jipprovdi kura u riabilitazzjoni eċċellenti, iżomm standards għoljin ta’ benesseri u jagħti kontribut importanti għall-protezzjoni tal-annimali.
• Volunteer of the Year – jingħata lil persuna li tkun uriet dedikazzjoni u impenn eċċezzjonali permezz tas-servizz volontarju tagħha favur il-benesseri tal-annimali.
• Pet-Friendly Business Award – jirrikonoxxi negozju li ħoloq ambjent li jilqa’ l-annimali filwaqt li jippromwovi ż-żamma responsabbli tagħhom u l-benesseri tal-annimali.
• Second Chance Companion Award – jiċċelebra storja ta’ adozzjoni ta’ suċċess, fejn annimal ikun ingħata t-tieni ċans, sab dar mimlija mħabba u ħalla impatt pożittiv fil-ħajja tal-familja l-ġdida tiegħu.
Il-proċess tal-Animal Honours Awards jinqasam fi tliet fażijiet. Fl-ewwel fażi, il-pubbliku jressaq in-nominazzjonijiet tiegħu. Wara li jagħlaq il-perjodu tan-nominazzjonijiet, bord tal-ġurija jevalwa s-sottomissjonijiet u jagħżel lista qasira għal kull kategorija abbażi tal-informazzjoni pprovduta. Il-persuni nominati li jintgħażlu fil-lista qasira jgħaddu għall-vot tal-pubbliku. In-nominat li jikseb l-ogħla numru ta’ voti f’kull kategorija jitħabbar bħala r-rebbieħ.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jagħti kemm jista’ jkun informazzjoni u dettalji dwar il-persuna, l-annimal, l-organizzazzjoni jew in-negozju nnominat, sabiex il-ġurija tkun tista’ tifhem bis-sħiħ l-istorja u l-ħidma tiegħu.
In-nominazzjonijiet jibqgħu miftuħa sas-17 ta’ Settembru 2026 u jistgħu jintbagħtu permezz tas-sit elettroniku:commissioneranimalwelfare.gov.mt/en/animal-honours-awards